Stqarrija mill-Uffiċju tal-Kummissarju għall-promozzjoni tad-drittijiet ta’ persuni b’diżordni mentali ippublikata fl-20ta’ Mejju 2025
Il-Ġimgħa Ewropea għas-Saħħa Mentali 2025 (EMHW 2025) -it-tema magħżula minn Mental Health Europe (MHE), Il-kura tas-saħħa mentali, l-investiment fid-drittijiet soċjali.
Is-Saħħa Mentali mhijiex biss suġġett għal ġimgħa, imma għandha tkun fuq l-aġenda tagħna kuljum, 24 siegħa kuljum f’dak kollu li nagħmlu. Il-ħarsien tas-saħħa mentali hija prijorità. Is-saħħa mentali hija importanti daqs is-saħħa fiżika u għandha impatt dirett fuq is-saħħa fiżika. Il-tħossok tajjeb fiżikament, mentalment u soċjalalment huma marbuta mill-qrib u wieħed ikollu impatt dirett fuq l-ieħor.
Dwar il-EMHW, Dr Denis Vella Baldacchino, il-Kummissarju għall-Promozzjoni tad-Drittijiet ta’ persuni b’diżordni mentali esprima l-importanza li jsir investiment fl-isforzi nazzjonali ffukati lejn il-ħarsien tas-saħħa. Ħeġġeġ għal-investiment aktar fis-servizzi ta’ prevenzjoni, d-dijanjosi f’waqtha tal-mard mentali u l-aċċess aktar faċli għas-servizzi kollha tagħna. Il-Gvern għandu jkun responsabbli li jkisser il-mentalità li kulħadd jaħdem għal rasu u jtejjeb il-kollaborazzjoni u l-koordinazzjoni interministerjali, inkluż ma’ u bejn l-organizzazzjonijiet mhux governattivi kollha. Is-servizzi għandhom jiġu estiżi wara l-ħinijiet tax-xogħol biex jiġi ffaċilitat aċċess għal min jaħdem. Il-faċilitajiet għandhom jilqgħu lil persuna u jkunu adattati għall-bżonnijiet speċifiċi tan-nies bħan-newrodiversità u l-barranin. Il-problemi ta’ saħħa mentali jħallu impatt ukoll fuq il-familji, il-kollegi fuq il-post tax-xogħol u l-ħbieb. Dawn jipprovdu sistema ta’ appoġġ li tista’ tgħin jew tfixkel il-proċess ta’ kura.
Fuq livell Ewropew, L-MHE identifikat il-faqar, il-qgħad u l-inugwaljanza bħala t-temi li jaffettwaw is-saħħa mentali tagħna li għandhom jiġu prijoritizzati għall-2025. Is-saħħa mentali ma teżistix b’mod iżolat. Hija msawra minn kundizzjonijiet soċjali bħall-faqar, l-inugwaljanza, l-edukazzjoni, l-impjiegi, u fatturi oħra tal-ħajja. Li tipprova tpinġi s-saħħa mentali bħala materja individwali jew li tkun biss dwar il-bijoloġija jew kif jaħdem il-moħħ mhux se jwassal għal soluzzjonijiet dejjiema, u huwa importanti li niftakru f’ dan.
MHE qed jiffokaw fuq ir-rabtiet bejn is-saħħa mentali u l-politiki soċjali. Dan qed isir billi dawk li jfasslu l-politika u n-nies f’pożizzjonijiet ta’ poter jitħajru jaħsbu akbar min-narrattiva bijomedika li tiffoka fuq l-individwu u l-mard. Is-sejħa hija għal bidla ta’ kif jiġu ndirizzati l-kawżi ewlenin ta’problemi li jolqtu s-saħħa mentali. Ma nistgħux naffordjaw li nittraskuraw id-dritt tan-nies li jkollhom aċċess għall-opportunitajiet jew l-appoġġ li jeħtieġu biex jgħixu ħajja ta ’suċċess. Wasal iż-żmien li ninvestu fid-drittijiet soċjali tan-nies.
Il-messaġġ immexxi mill-MHE għall-EMHW 2025 jgħid: “naraw futur fejn is-saħħa mentali tiġi protetta, promossa, u appoġġjata permezz tal-inklużjoni u politiki soċjali b’saħħithom u ġusti. L-Unjoni Ewropea għandha rwol biex dan isir fil-futur u biex niżguraw li jkollna soċjetajiet reżiljenti. Il-pilastru Ewropew tad-drittijiet soċjali joffri l-qafas għall-prevenzjoni ta’ sfidi ta’ saħħa mentali u jsawwar soċjetà aktar ġusta, aktar produttiva, kompetittiva u inklużiva.” Policy Brief ippublikata mill-MHE.
Dawk li jfasslu l-politika għandhom is-setgħa, l-opportunità, il-qafas u nisperaw ir-rieda politika li jsawru soċjetà mentalment b’saħħitha. Irridu nikkontribwixxu biex tkun implimentata l-istrateġija ta’ saħħa mentali u biex nassiguraw li s-saħħa mentali tiġi kunsidrata u mdaħħla fil-policies soċjali kollha.
Li jkollna flus biżżejjed biex nieklu, x’imkien sigur biex ngħixu, xogħol, aċċess għall-edukazzjoni u s-sigurtà soċjali jsawwar ħajjitna, il-ħarsien tagħna u s-saħħa mentali tagħna. Id-deċiżjonijiet dwar l-edukazzjoni, ix-xogħol, l-ambjent, l-aċċess u l-ekonomija għandhom impatt fuq is-soċjetà. L-investiment fis-saħħa mentali huwa ta’ benefiċċju għal kulħadd, u għalhekk ejjew naħdmu flimkien biex nibnu futur aktar b’ saħħtu u stabbli għal kulħadd. Jekk jogħġobkom għajnuna nxerrdu l-kelma.
X’qed nagħmlu f’ Malta?
L-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Promozzjoni tad-Drittijiet ta’persuni b’diżordni mentali qed jippromwovi din il-ġimgħa għat-3 sena konsekuttiva. Dan qed isir ladarba nemmnu li naqsmu l-messaġġ li qed tixpruna l-MHE li bħala soċjetà rridu nagħtu aktar importanza lis-saħħa mentali u l-impatt ta’ diversi sitwazzjonijiet soċjali fuq is-saħħa mentali ta’ dak li jkun. Aħna konxji li hemm diversi ġlidiet li wieħed jiffaċċja fil-ħajja, iżda wieħed jista’ jaċċessa għajnuna f’waqtha biex inaqqas l-impatt fuq il-ħajja tiegħu. Meta nsaħħu lilna nfusna nkunu qed insaħħu s-soċjetà tagħna billi nsiru aktar b’saħħitna, u aktar reżiljenti. Dan l-uffiċċju ħadem fuq il-produzzjoni ta’ sett ta’ pocket size cards b’informazzjoni dwar diversi entitajiet fejn wieħed jista’ jaċċessa l-għajnuna fi żmien ta’ kriżi. Dawn il-kards imsejħa “helplines, apps & chats” jiġbru flimkien informazzjoni li permezz tagħha wieħed jista’ jaċċessa servizzi f’waqthom, personalizzati u professjonali li joffru appoġġ fi żminijiet ta’ kriżi tas-saħħa mentali. Servizzi jinkludu servizzi terapewtiċi speċjalizzati bħal dawk relatati mas-solitudni, vizzji fosthom drogi, alkoħol u logħob tal-azzard. Servizzi oħra joffru terapija u counselling għall-familja, appoġġ għas-saħħa mentali fuq il-post tax-xogħol, problemi relatati ma’ tqala u materji ta’ diżabilità. Kopja b’xejn ta’ dawn il-cards tista’ tinkiseb billi wieħed jibgħat email bl-indirizz tiegħu fuq [email protected] jew permezz ta’ messaġġ privat permezz tal-paġna ta’ Facebook. L-informazzjoni kollha tiġi trattata bil-privatezza u bil-kunfidenzjalità.
Soċjetà aktar b’ saħħitha tfisser saħħa mentali aħjar għal kulħadd. Ejja nibnuha flimkien.(MHE, 2025)